Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna

SERGEI SUPINSKY/AFP via Getty Images
Ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna

L-elementi kostitwenti għal irkupru

Appoġġ kontinwu tal-UE

Se jkun meħtieġ sforz finanzjarju globali ewlieni biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid wara li l-gwerra tispiċċa. L-UE diġà qed tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex tagħti spinta lir-reżiljenza kontinwa tal-pajjiż, iżda se jkun meħtieġ aktar appoġġ fuq terminu medju sa twil: biex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-pedamenti ta’ pajjiż ħieles u prosperu, ankrat fil-valuri Ewropej u integrat tajjeb fl-ekonomija Ewropea u globali u biex tiġi appoġġjata fit-triq Ewropea tagħha.

Sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, f’approċċ tat-Tim Ewropa, qed jagħmlu disponibbli sa €50 biljun f’appoġġ finanzjarju, umanitarju, ta’ emerġenza, baġitarju u militari:

  • €37.8 biljun biex tiġi appoġġjata r-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja ġenerali tagħha Dan jinkludi pakkett ta’ appoġġ finanzjarju bla preċedent ta' mhux aktar minn €18-il biljun għall-2023.
  • €12-il biljun addizzjonali f’assistenza militari saru disponibbli wkoll taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u mill-Istati Membri direttament

Filwaqt li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja għadha għaddejja, il-ħtiġijiet ġenerali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna għadhom mhumiex magħrufa. Madankollu, huwa importanti li jitfasslu l-elementi kostitwenti ewlenin ta’ dan l-isforz internazzjonali diġà minn issa. 

Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji

Il-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji biex tappoġġja l-proċess ta’ tiswija, irkupru u rikostruzzjoni tal-Ukrajna tnediet fis-26 ta’ Jannar 2023. Il-Pjattaforma tippermetti koordinazzjoni mill-qrib fost id-donaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet finanzjarji u tiżgura appoġġ koerenti, trasparenti u responsabbli.

L-għan tagħha huwa li tiżgura koordinazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin kollha li jipprovdu appoġġ finanzjarju fuq terminu qasir iżda wkoll assistenza fit-tul għall-fażi ta’ rikostruzzjoni. B’dan il-mod, tibni fuq ir-riżultati tal-Konferenzi f’Lugano, Berlin u Pariġi, biex tgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi.

It-tħejjija għall-futur

Fil-25 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni Ewropea u l-Ġermanja, bħala l-president tal-G7, ospitaw flimkien il-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti dwar l-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna f’Berlin. Il-konferenza kienet pass importanti ieħor li wera appoġġ sod mill-UE u mill-komunità internazzjonali għall-Ukrajna fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tar-Russja. Din enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni u l-komunità internazzjonali se jkomplu jappoġġjaw lill-Ukrajna lil hinn mill-ħtiġijiet immedjati tagħha, u fi triqitha lejn l-adeżjoni mal-UE.

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen enfasizzat tliet elementi li kienu kruċjali għal rikostruzzjoni b’suċċess tal-Ukrajna:

Minħabba l-iskala tal-isfida inkwistjoni, l-isforzi ta’ rkupru jeħtieġ li jkunu proċess inklużiv b’diversi partijiet ikkonċernati, li jinvolvi kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa għalhekk li l-konferenza laqqgħet flimkien esperti magħrufa mad-dinja kollha f’diversi dixxiplini u sfondi, kif ukoll rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u s-settur privat, flimkien mal-gvern Ukren. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza se jikkontribwixxu għat-tiswir tal-isforzi globali dwar it-triq ’il quddiem għall-futur ekoloġiku, reżiljenti, prosperu u demokratiku tal-Ukrajna.

Aqra aktar

Appoġġ għall-iskejjel Ukreni

Minħabba li l-futur tal-Ukrajna jibda fl-iskejjel tagħha, l-UE qed tappoġġja r-riabilitazzjoni ta’ skejjel danneġġati b’€100 miljun, imħabbra mill-President fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea allokat madwar €14-il miljun għax-xiri ta’ xarabanks tal-iskola u biex it-tfal Ukreni jaslu l-iskola b’mod sikur. Il-Kummissjoni nediet ukoll kampanja fl-UE kollha biex tagħmel donazzjoni ta’ xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna, li tgħaddi permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se taħdem mal-Ukrajna biex tiżgura l-aċċess bla xkiel tal-pajjiż għas-suq uniku, filwaqt li tagħti s-setgħa lill-Ukrajna biex tagħmel l-aħjar użu mill-potenzjal tagħha, tgħin biex tħaffef it-tkabbir u toħloq opportunitajiet.